L-ikonografija, jiġifieri l-arti tal-ikoni, diffiċli tifhimha, għalmenu għalina tal-punent. Naħseb li dan hu effett tal-fatt li aħna bqajna marbutin mal-Barokk, li bqajna nħaddnuh anke mis-seklu 21 meta ilu li spiċċa żmienu. Tant nifhmuhom biss li llum kull xbieha qed insejħu ikona, anke meta ma jkunux.
Apparti dan, aktar jintużaw biex iżejnu milli għall-iskop li jsiru: dak li titlob u tersaq lejn id-Divin. Għax l-ikona li tħares lejha, minħabba s-sempliċita’ tagħha, tnissillek ċertu paċi u tgħinek tiskot biex taħseb u tirriflettiminħabba f’kekk, l-ikoni ingħataw diversi titli li jixhdu dan, bħal pereżempju twieqi għal fuq il-ġenna.
U għalhekk nassumi li wirja bl-ikoni tnissel kurżita’, għalkemm jista’ jkun hawn min jgħidelek: “u dawn mhux kollha l-istess!”
• Imma x’nifhmu b’ikona?
• X’jagħmel ikona?
• Għaliex ikona tiktibha?
• Il-kuluri jfissru xi ħaġa?
Għalhekk b’rabta mal-wirja li ser tkun għaddejja fil-kjostru tal-Karmnu ġewwa l-Imdina, ser isir nofstanhar seminar biex nispjegaw mistoqsijiet bħal dawn li forsi għandek. Apparti li nwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ser niffokuaw ukoll fuq l-ikonografija tal-Ġimgħa Mqaddsa, kif żviluppaw u l-ħsieb warajhom.
Narak. Il-paċi miegħek.
Vincent twieled ir-Rabat, Malta, fl-1957. Studja taħt diversi artisti. Fl-2009 għamel kors qasir fl-ikonografija ma’ Fr. Nathaniel Theuma f’Conflenti, l-Kalabrija, l-Italja. Iggradwat bħala għalliem tal-Arti u l-Krafts. Hu ggradwat ukoll fit-Teoloġija. Ħa sehem f’diversi wirjiet, kemm kollettivi, kif ukoll personali.
L-ewwel wirja personali saret fl-2005 fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, Malta.
Wara saru żewġ wirjiet personali fis-sede tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, Mosta: IRKEJJENfl-2008 u aγιος (Agios – Qaddis) fl-2014 rispettivament.
Ħa sehem ukoll f’wirja kollettiva ma’ ikonografa oħra fil-Palazz presidenzjali ta’ San Anton fi żmien il-Milied tal-2012.
Ir-raba’ wirja personali bit-titlu Dipso – Għandi l-Għatx – Ġwanni 19, 28) saret fil-Mużew Dar Karmni Grima, l-Għarb, Għawdex fl-2015.
Fis-sentejn ta’ wara ħa sehem f’wirjiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, 2016 fil-Kantina ta’ Santu Wistin ir-Rabat u fl-2017 fil-Każin La Victoria, Mellieħa.
Proġett importanti hu kurċifiss kbir flimkien ma’ San Pietru u San Pawl u l-erba’ Evanġelisti għas-Sagristija tal-Knisja tal-Franġiskani Minuri fir-Rabat, Malta. Sar ukoll kurċifiss imħaddan minn San Franġisk għall-kappella privata tagħhom.
Vincent Mangani huwa irtirat. Hu ukoll membru tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.
Tel: 21454353
Mobile: 79053348
Email: vimang@onvol.net
Go Ahead, Leave A Comment