Waħda mil-leġgendi jew fjuretti Karmelitani taż-żminijiet tan-Nofs tgħid li l-Familja Mqaddsa ta’ ġesù, Marija u ġużeppi, kienet titla’ fuq l-Għolja tal-Karmelu, mir-raħal viċin ta’ Nażaret, biex jiltaqgħu ma’ l-eremiti, ulied il-Profeta Elija, li kienu jgħixu “qrib l-għajn tal-Profeta”. Din il-leġġenda ħelwa trid turi l-verità profonda tar-rabta spiritwali tal-Karmelitani mal-Familja Mqaddsa. Fil-fatt fil-Karmelu insibu mħabba speċjali lejn il-familjari u lejn dawk il-persunaġġi li huma marbutin ma’ Marija Verġni, Patruna ta’ l-Ordni: San ġużepp, ir-raġel ta’ Marija, Santa Anna u San ġwakkin, il-ġenituri ta’ Marija u n-nanniet ta’ ġesù. Il-Karmelitani jqimu lil San ġużepp bħala l-Protettur Ewlieni ta’ l-Ordni, filwaqt li Santa Anna u San ġwakkin huma meqjuma bħala l-Protetturi Sekondarji.
Għalkemm wara l-Medjuevu, ma bqajniex nużaw leġġendi biex infissru r-realtà spiritwali tar-rabta tal-Karmelu mal-Familja Mqaddsa, ma nistgħux ngħidu li din ir-rabta naqset. Fil-Karmelu mal-qima u d-devozzjoni marjana, baqgħet ħajja dik lejn San ġużepp, ir-raġel ġust li f’idejh Alla “afda l-misteru tas-salvazzjoni sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu”. Il-Karmelitani jqimu lil San ġużepp bħala dak ir-raġel ġust li ddedika ħajtu għaż-żewġ imħabbiet kbar ta’ qalbu: ġesù u Marija. Għalhekk il-Karmelitani jaraw fih mudell fl-għixien tal-vokazzjoni tagħhom, li hija proprju li jingħataw kollhom kemm huma għall-qadi ta’ Kristu u ta’ Marija. Fl-1940 il-Karmelitan ġwanni Brenninger jikteb hekk fid-Duttrina Spiritwali tal-Karmelu:
Giovanni Battista Tiepolo
Jistħoqqlu ġieħ tassew partikulari, San Ġużepp, il-Missier Putattiv ta’ l-Iben ta’ Alla, l-Għarus ta’ l-Imqaddsa Marija u l-Protettur Ewlieni ta’ l-Ordni Mqaddes tagħna u li sa minn żmien l-imgħoddi huwa gawda fostna qima l-aktar għolja. Fis-sena 1470 Arnoldo Bostio kiteb: “Infakkruh b’imħabba devota u nagħtuh ġieħ b’qima speċjali” (Speculum Carmelitanum, 1009) […]. Kif qatt nistgħu aħna ninsew lil dak li tant kien iħobb lill-Omm l-aktar helwa tagħna u li lilha kien jobdi b’fedeltà? Ma għandux, dak l-Ordni li għal Marija hu qaddis bl-iktar mod waħdieni, jistenna li jaqla’ kollox mingħand ir-raġel tagħha? Alla ried li San Ġużepp ikun għal Ġesù missier bid-dmirijiet u d-drittijiet kollha. Għalhekk tah qalb ta’ missier mimlija mhabba tenera u naturali u mżejjen ukoll b’imħabba sopranaturali lejn l-Iben putattiv tiegħu. Din l-imħabba kienet tikber għas-sbuħija u l-ħlewwa li kienu jidhru fit-tfajjel divin u wkoll għar-radd ta’ ħajr u l-ubbidjenza li bihom Ġesù kien ipatti għal din l-imħabba ta’ missier li sab f’San Ġużepp. B’liema ferħ, San Ġużepp kien iħaddan miegħu lit-tfajjel divin, jimlih bil-bews waqt li minnu jisma’ l-isem ħlejju ta’ missier! B’liema stagħġib u rispett kien jikkontempla dak kollu li Ġesù kien jagħmel! B’liema dedikazzjoni u attenzjoni kien ifittex li jagħmilha ta’ missier għat-tfajjel divin biex jagħtih il-meħtieġ mingħajr ma joqgħod iqis it-taħbit u s-sagrifiċċji! Il-ħajja ta’ San Ġużepp kienet kopja perfetta tal-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. Ħadd qatt ma resaq lejhom daqsu! Huwa fil-fatt kien jagħmel dak kollu li kien jogħġob lil Ġesù u lil Marija. Bħala missier ta’ familja, qatt ma għex għal xejn aktar jekk mhux għal dawk li hu kien iħobb. ħadd daqs San Ġużepp ma kien qatt mgħejjun b’tant qawwa mill-grazzja u l-eżempju ta’ Ġesù, u wkoll mill-eżempju u t-talb ta’ Marija. Ħadd daqsu qatt ma gawda tant familjarità ma’ Ġesù u Marija! Huwa l-hin kollu jammirahom u jagħtihom ġieħ, jitħaddet magħhom bi ħlewwa intima, u meta kien jeħtieġlu jitbiegħed minnhom, huwa kien jibqa’ jaħseb fihom u jgħożżhom f’qalbu. Kollox għalihom kien jagħmel u għalihom ħela saħħtu kollha. Għalihom l-ebda sagrifiċċju ma kien iħosus tqil u esaġerat. L-imħabba għal Ibnu putattiv u għall-għarusa tiegħu kienet minn jum għal ieħor tħeġġu fl-imħabba. Għalihom huwa ċahad kollox, għax għalih huma t-tnejn kienu kollox. Liema eżempju ta’ l-għaġeb ħallielna San Ġużepp!
Tista’ tkompli taqra billi tnizzel l-artiklu minn hawn.
Go Ahead, Leave A Comment