Fil-Mitoloġija Griega πένθος (penthos) huwa l-ispirtu tan-niket, tal-krib u tal-luttu. Fir-Rabta l-Ġdida nsibu din il-kelma Griega talanqas ħames darbiet fosthom fl-ittra ta’ Ġakbu 4:9 fejn iħeġġeġ biex il-ferħ nibdluh f’niket u luttu ħalli nduru lejn il-Mulej. Mela l-ispirtu tal-penthos iġib miegħu l-indiema u l-koverżjoni lejn Alla. Matul iż-żminijiet it-tradizzjoni nisranija, l-aktar dik tal-Lvant, żviluppat spiritwalità tal-penthos li tmur lil hemm milli wieħed jiddispjaċih u jitlob maħfra. Min jimxi skont dan l-ispirtu jasal għall-bidla sħiħa u radikali tal-qalb. Il-Prof. Martin Zammit, se jmexxina fl-ispirtu ta’ din il-forma ta’ ħajja spiritwali f’seminar imqassam fuq jumejn bejn il-Ġimgħa 11 u s-Sibt 12 ta’ Marzu.
Il-Prof. Martin R. Zammit Djaknu tal-Knisja Griega Kattolika f’Malta u Kap tad-Dipartiment tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Malta iggradwa mill-istess Università bit-teżi: “A Comparative Lexical Study of Qur’anic Arabic” pubblikata fis-serje Brill’s Handbuch Der Orientalistik. Prof. Zammit huwa riċerkatur fil-qasam tal-ilsna Semitiċi bi speċjalizzazjoni fl- Għarbi u s-Sirjan. Huwa wkoll awtur ta’ diversi pubblikazzjonijiet xjentifiċi.
Biex wieħed jieħu sehem f’dan is-seminar, jeħtieġ li jibbukkja minn qabel fuq: info@carmelitepriory.org
Għal min jixtieq hemm il-possibilità li s-sehem f’dan is-seminar jiġi akkreditat mill-Pastoral Formation Institute mal-Korsijiet offruti mill-Carmelite Institute Malta. Għall-akkreditazzjoni, minbarra l-attendenza għas-seminar tiżdied il-kitba ta’ assignment.
Go Ahead, Leave A Comment