Dewt 26, 16-19
Salm 118 (119), 1-2.4-5.7-8
2 Kor 6, 2b
Mt 5, 43-48
“Kunu perfett, bħal Missierkom tas-Sema”. Il-Kelma ta’ llum ddawrilna ħarsitna lejn dan il-kmand ta’ Alla li mbagħad Ġesù jgħaddih lid-dixxipli tiegħu, għax hu ma ġiex biex iwaqqa’ l-liġi imma biex iwassalha għall-perfezzjoni. Għalhekk ħsibijietna llum għandhom imorru lejn is-sejħa tagħna bħala Poplu ta’ Alla u bħala dixxipli ta’ Ġesù: dik tal-qdusija jew perfezzjoni li tirrifletti dik ta’ Alla l-Missier tagħna tas-Sema.
Dan il-kmand Ġesù iġibu mill-Ktieb tad-Dewteronomju, jiġifieri l-Ktieb tat-Tieni Liġi. Kif l-għeruq ta’ dan il-ktieb imorru lura għat-taħdidiet u eżortazzjonijiet ta’ Mosé dwar il-Kmandamenti ta’ Alla fuq is-Sinaj, hekk is-sejħa li jqiegħed quddiemna Ġesù hija biex ngħidu hekk mfissra fl-eżortazzjoni li jagħmel Ġesù lid-dixxipli tiegħu li fiha jimbuttana nagħtu pass ieħor ’il quddiem fl-osservanza tal-Kmandamenti ta’ Alla. Bħalma Mosè bħal donnu jerġà jirrevedi jispjega l-Liġi ta’ Alla lill-ġenerazzjoni ġdida ta’ Lhud li twieldet u trabbiet fid-deżert u ma kenitx parti mill-ġenerazzjoni ta’ qabilha li nħarġet mill-Eġittu u li lilha Alla ta l-Kmandamenti; hekk ukoll Ġesù issa jirrevedi u jispjega l-liġi lill-poplu ġdid li jimxi warajh, il-poplu tal-liġi ġdida tal-Evanġelju. Bħal fil-kapitlu 26 tad-Dewteronomju, Ġesù jagħti l-qalba ta’ dawn il-liġijiet: li ngħixu fil-qdusija u hekk ikun is-sinjal tal-qdusija ta’ Alla fost il-ġnus. Din hi s-sejħa għall-perfezzjoni Ġesù jqegħdhielna quddiemna bħala l-ideal li f’kollox nixbħu lil Alla u naġixxu bħalu u mhux bħall-pagani.
F’dinja li kulma tmur issir iktar pagana, il-Kelma ta’ Alla llum tixprunana għall-attenzjoni biex ma nitteħdux minn din il-mentalità pagana fi ħsiebna, fil-viżjoni tagħna tal-ħajja, fid-deċiżjonijiet li nieħdu, imma nibqgħu sodi fil-valuri tal-qdusija għax il-qdusija ta’ Alla tidher fil-qdusija tal-poplu tiegħu.
Go Ahead, Leave A Comment