QARI TAL-JUM

Iż 55, 10-11
Salm 33 (34), 4-5.6-7.16-17.18-19
Mt 4, 4b
Mt 6, 7-15

OMELIJA

Fil-kulturi u r-reliġjonijiet pagani li bihom kien imdawwar il-poplu ta’ Alla kien hemm il-konvinzjoni li l-allat huma ta’ min jibża’ minnhom għax dawn ma tafx x’jgħaddilhom minn moħħhom, ma għandek l-ebda garanzija li kif tersaq lejhom fit-tempju jew fit-“talb” humiex se jkunu favurik jew kontrik. L-allat ma kenux “ħbieb” tal-bnedmin u iktar minn hekk seta kien hemm “allat” li mhux magħrufa u jaslu biex jieħdu għalihom jekk ma tqimhomx jew ma tindunax bihom. Għaldaqstant wieħed kellu jħares lilu nnifsu mill-allat billi jew jaqfilhom fit-tempju, jew jipprova b’xi mod jittratta magħhom (intik li hu tiegħek u inti ttini dak li nitolbok), jew b’sagrifiċċji (ġieli anke umani) ntaffilhom il-korla tagħhom, jonkella l-kult kien mimli traħħim ta’ formuli biex min qed jagħti qima ma jagħtix ċans lill-allat jitkellmu, li ma jmorrux jeqirdu lil min iqimhom jew jisħtuh jekk ikun mar f’ħin li mhux tajjeb u komdu għall-allat, jew inzertaw dak il-ħin inkurlat jew okkupati b’xi ħaġa oħra u tellifthom. Huwa għalhekk li l-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika Spe salvi facti sumus, Meħlusin bit-tama, josserva li qabel ir-rivelazzjoni bibblika ma nistgħux nitkellmu daqstant minn fidi daqskemm minn superstizzjoni reliġjuża. Il-fidi timplika fiduċja li tintelaq f’idejn xi ħadd u tafdah għax taf li mhux se jidħak bik jew jagħmillek il-ħsara jew jieħu vantaġġ minnek. Mal-allat pagani ma kienx hekk. Il-miti juruna kif l-allat kienu kapriċċjużi, jieħdu vantaġġ mill-bnedmin u jużawhom bħal pedini f’logħba ċess! Waqt li l-bniedem kellu jara kif jagħmel jissara għal ħajtu ma’ dawn il-qawwiet li ma tistax issibilhom irkaptu.

Il-Kelma ta’ Alla sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja fil-Ktieb tal-Bidu turina li Alla huwa esseri li joħloq u allura jsalva, iġib ordni fit-taħwid u l-baħħ, huwa ħabib tal-bniedem. Joħolqu fuq is-sura u x-xbieha tiegħu u kuljum iħobb jinżel jitħaddet miegħu waqt passiġġata fl-Għeden, il-Ġenna tal-Art. Twemmin rivoluzzjonarju f’dinja fejn il-pagani kienu jemmnu li l-bniedem huwa frott ġlieda kożmika bejn l-allat u t-telliefa waqgħu f’din id-dinja, jew li l-bniedem huwa frott l-allat li ħolquh Androġenu u qasmuh min-nofs biex jgħaddi ħajtu nofs ifittex lil ieħor u hekk ikollu fhiex jehda u qatt ma jkun jista’ jogħla ’l fuq u jsir alla.

Alla li rrivela jew kixef lilu nnifsu fit-tradizzjoni Lhudija u Nisranija huwa Alla li jħoss ma’ poplu mjassar u ċkejken “jisma l-karba” tiegħu jgħidlna l-Eżodu u jagħmel tiegħu il-kawża ta’ dawn l-ilsiera fl-Eġittu u jinżel isalvahom u jsawwarhom bħala l-poplu tiegħu. U nistgħu nibqgħu sejrin hekk sakemm naslu fil-milja ta’ dan l-interess ta’ Alla fina meta dan isir bniedem bħalna biex jaqsam xortina ħalli aħna nkunu nistgħu naqsmu xortih. Il-ġrajja biblika nistgu naqrawha bħala l-ġrajja ta’ Alla li b’paċenzja kbira jipprova jħassar il-kunċetti pagani dwaru minn moħħ il-bniedem sakemm jasal għall-fidi vera. U dan jgħodd ukoll għalina. Għax tant is-superstizzjoni primittiva baqgħet fina li xi drabi anke aħna nibdew nirraġunaw bħall-pagani, speċjalment meta nsibu ruħna quddiem limiti li ma nistgħux nirbħuhom, jew inħossu saħansitra lil Alla kontrina.

Fl-Evanġelju ta’ llum Ġesù jwissina kontra din il-mentalità, iserrħilna moħħna minn din il-biża’ minn Alla u jgħidilna proprju biex ma naġixxux bħall-pagani u nitolbu billi “nlabalbu” tlablib fieragħ. Il-kelma “tlablab” tagħtina sens li wieħed ma jagħtix nifs. Xi ħadd ilablab lanqas itik ċans tiftaħ ħalqek ħa tgħid kelma! F’kelma waħda Ġesù qed jgħidilna quddiem Alla ma hemmx għalfejn issiktulu fommu billi tmorru tlabalbu għax kelmtu mhijiex ta’ deni għalikom, mhijiex kontrikom iżda favurikom. Mhijiex kelma jew verdett ta’ kastig, imma ta’ maħfra u ħniena u mħabba ta’ Missier. Ġesù mhux jgħidilna tgħidux talb vokali, li qed jgħidilna hu: isimgħu minn Alla, tibżgħux minnu għax mhuwiex kapriċċjuż u imprevedibbli… hu Missier li jagħti każ ta’ wliedu u li għalkemm ismu huwa qaddis, jiġifieri , hu ’il fuq minnha iżda mhuwiex b’daqshekk maqtugħ minnha għax hu jagħtina llum “il-ħobżna ta’ kuljum”. F’kelma waħda Alla hu ta’ min jistrieħ fuqu anke meta nħossuh iebes magħna, għax kelmtu hi għall-ġid tagħna, bħal ġenitur li jwissi lil uliedu. Kelmtu fuqna ma ġġibx qerda iżda ħajja, kif tgħidilna l-ewwel lezzjoni tal-quddiesa ta’ llum minn Iżaija. Il-Kelma ta’ Alla hawnhekk hija mqabbla max-xita li ssaqqi l-art u ttiha l-qawwa li tnissel u tnibbet il-ħxejjex li bihom insostnu ruħna.

Quddiem din il-paġna tal-Evanġelju staqsi:

  1. Jiena x’idea għandi ta’ Alla?
  2. It-talb tiegħi hu magħmul minn talb vokali biss li fih iktar inredden u nlablab jew nieqaf ukoll fis-skiet ħa nisma’ Alla x’għandu xi jgħidli?
  3. Nafdah lil Alla? Kif?

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook