22 ta’ Diċembru 2014
(1 Sam 1:24-28; 1 Sam 2:1.4-8; Lq 1:46-56)
Fil-liturġija tal-lum, il-ġemgħa tesklama flimkien fis-salm: “Tifraħ qalbi fil-Mulej, is-Salvatur tiegħi.” Il-ferħ nisrani huwa wieħed mimli fidi, tama, u mħabba: fidi f’dak li Ġesù ġie jġib fostna l-bnedmin, is-salvazzjoni minn dnubietna; tama fiH li għadu magħna sal-lum permezz tal-Ispirtu l-Qaddis tiegħu; imħabba li tħeġġeġ il-qalb fil-karità għall-proxxmu.
Fl-ewwel qari tal-lum Anna, fil-Kantiku tagħha, tfaħħar lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu li “jkisser il-qaws tal-qawwijin”, “id-dgħajfin iħażżimhom bil-ħila”, “iniżżel fl-imwiet u jtella’”, “ibaxxi u jgħolli wkoll”, u “il-fqar … iqiegħedhom mal-kbarar” għaliex ħadd mhu bħalU, “ħadd qaddis bħall-Mulej”. Il-ferħ nisrani mhuwiex ferħ fil-vojt. Huwa ferħ għax il-Mulej Alla għoġbu, mingħajr ebda merti tagħna, jinżel ħdejna biex lilna jtellgħana ħdejh. Ried li fil-persuna ta’ Ġesù jsir bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub biex aħna nsiru bħal Alla, nipparteċipaw fl-istess enerġiji ta’ Alla. In-nisrani jifraħ għaliex, minkejja li jaf li waħdu l-bniedem ma jiswa’ xejn, imma fl-għajnejn ta’ Alla huwa ġawhra prezzjuża li jrid isalvalha l-preġju tagħha minn kull tebgħa. Dak li għamel ma’ Marija sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha, Ġesù jagħmlu wkoll magħna meta matul ħajjitna kollha jsalvana minn dak kollu li jista’ jwarrabna mill-imħabba tiegħu.
Il-ferħ nisrani huwa imħabba, għotja, huwa stqarrija ta’ dnubietna, huwa stqarrija mill-qalb li mingħajr Alla m’aħna xejn, huwa pass fid-dlam li nieħdu favur Alla għax Huwa Sid il-Ħajja, Huwa li “jtella’ u jniżżel” jinsab magħna fl-iktar mumenti li neħtiġuh, biss li jiġri tonqosna l-fidi fih. Il-ferħ nisrani mela huwa fidi mimlija tama li timbotta ‘l bniedem biex iħobb dak kollu li permezz tiegħu Alla jagħżel li jkellmu. Mill-ġdid, il-ferħ nisrani huwa nżul mal-Mulej Ġesù fil-qiegħ biex miegħu nitilgħu fil-għoli bħal Alla. Il-ferħ nisrani huwa mħabba bħal dik ta’ Alla, inkondizzjonali, ma tħarisx lejn l-uċuh iżda lejn il-qalb, ma tiġġudikax imma tgħader u tħenn, ma titkabbarx imma tiċċekken u tistaħba.
One Comment to "Il-Ferħ Nisrani"
Il-ferh huwa t-timbru tan-Nisrani. In-Nisrani jemmen fi Kristu Rxoxt u fil-hajja eterna. Qalbi bhala Nisrani thabbat bil-ferh meta niftakar li Gesu’ jhobbni personalment, u dan itini ferh bla qies. Jiena nemmen li nista’ nkun trankwill ukoll f’mumenti ta’ dwejjaq jew disprament. Kemm biss niftakar u nemmen li Hu qieghed hemm, prezenti go fija, madwari, f’kull tahbita shuna ta’ qalbi. Inhobbok Gesu’.
Go Ahead, Leave A Comment