Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej.

(Dan 3:25.34-43; S 24; Mt 18:21-35)

F’kull quddiesa wara l-offertorju qabel it-Talba fuq l-Offerti u t-Talba Ewkaristika, is-saċerdot imil quddiem l-altar ta’ Alla u b’leħen baxx jgħid din it-talba sabiħa: “Ilqagħna, Mulej Alla tagħna, umli u niedma quddiemek u agħmel li jkun jogħġbok dan is-sagrifiċċju li qegħdin noffrulek”. Din it-talba sabiħa hija meħuda mit-talba ta’ Għażarija fil-Ktieb tal-Profeta Danjel u li llum tixxandar fil-qari tal-quddiesa.

Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej.Din it-talba toħroġ mill-qalb ta’ Għażarija li ġie mitfugħ fil-forn tan-nar mis-Sultan Nabukadnessar fil-Babilonja wara li dan waqqaf idolu enormi tad-deheb u l-kbarat tiegħu kellhom imilu quddiemu jadurawh. Ħananija Sidrak, Misaèl Mesak, u Għażarija Għabednegu, ministri Lhud tas-Sultan jirrifjutaw li jmilu quddiem l-idolu u għalhekk jiġu mitfugħin fil-forn tan-nar. Is-Sultan fil-forn tan-nar iħaġġeġ jara r-raba’ figura li kien l-anġlu tal-Mulej iħares lil dawn il-qaddejja tiegħu mill-ħruq. Is-Sultan jeħles lil dawn il-qaddejja ta’ Alla, u jagħti qima lill-Alla ta’ Iżrael. Għażarija jinfexx f’din it-talba sabiħa li fiha hu jitlob lil Alla ma jinsiex il-poplu tiegħu, jiftakar fil-Patt li għamel miegħu, u ma jitlaqx lil dan il-poplu tiegħu f’dan iż-żmien iebes tal-eżilju f’idejn il-Pagani. Għażarija jitlob lil Alla jħenn għall-poplu tiegħu li hu ’l bogħod minn Ġerusalemm, bla tempju, bla liturġija li fihom jagħtuh qima u jadurawh. Il-qima tal-eżiljati hija qalb niedma, sogħbiena, maqsuma. It-talb isir l-għajta tat-tallâb, l-offerti jsiru d-dmugħ iġelben mal-ħaddejn, l-inċens isir il-qalb li ħfiefet mit-toqol tar-rabtiet ħżiena u issa tista’ togħla ’l fuq lejn Alla. L-eżilju l-poplu għexu bħala kastig ta’ Alla mibgħut minħabba d-dnub ta’ poplu li kibritlu rasu, nesa lil Alla u qiegħed lilu nnifsu flok Alla. L-umiljazzjoni fl-eżilju Babiloniż daħħlet lill-poplu ta’ Alla fih innifsu u nduna li mingħajr Alla ma hu xejn. L-eżilju f’Babel kien il-forma esterjuri tal-jasar li l-poplu kellu f’qalbu ukoll meta dan kien ħieles u rajh f’idejh f’artu.

Fl-Evanġelju, Ġesù wkoll jurina li aħna midjunin ma’ Alla għax qalbna ’l bogħod minnu; imma hu jaħfer, jagħder, iħenn u jagħtina ċans nerġgħu lura mill-egoiżmu tagħna. Fil-parabbola tal-qaddej midjun li jitlob li jinħafirlu dejnu imma mbagħad ma jaħfirx u ma jistenniex lill-proxxmu jerġa’ lura bil-pass tiegħu, Ġesù jgħallimna li l-għarfien tal-kundizzjoni tagħna ta’ midjunin ma’ Alla trid twassalna biex aħna wkoll ikollna kompassjoni ma’ ħutna u sens ta’ ġustizzja ma’ Alla u mal-bnedmin. Nitolbu lill-Mulej maħfra ta’ kemm imxejna b’żewġ kriterji fejn nidħlu aħna u fejn jidħlu l-oħrajn. Nitolbu lil Alla qalb umli u niedma li tagħmilna bnedmin ta’ kompassjoni għal ħutna.

One Comment to "Ftakar fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, Mulej."

  • Zaren
    10/03/2015 at 7:04 pm

    Jien nghid ghaliija j dik it talba ta wara l- offertorju hija wahda mill l-isbah talba u jien niehu gost nisma is sacerdot jghidha u hlief ammen ma nghidx.Is- sacerdot ikun qed jghidha ghallina ilkoll.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook