San Pawl illum ikellimna dwar il-misteru li kien moħbi minn dejjem u li ġie mgħarraf lilna fil-milja tiegħu f’Ġesù Kristu. Matul il-ġrajja tas-salvazzjoni l-profeti ħabbru dan il-misteru ta’ Alla li jikxef lilu nnifsu quddiem il-bniedem jew aħjar li juri li hu mal-bniedem, mhux ’il barra minnu. Fit-Tħabbira tal-Mulej, dan jintwera b’mod ċar għax il-Kelma ta’ Alla titlaħħam f’Marija bil-Qawwa tal-Għoli li tgħattiha. L-Ispirtu jittajjar fuq Marija bħalma fil-Bidu kien qed jittajjar fuq it-taħwid u l-baħħ u l-Kelma ta’ Alla titlaħħam. F’dan il-misteru għandna l-bidu tal-ħolqien ġdid bi Kristu. Kif fil-Ġenesi l-Ispirtu ta’ Alla beda ħolqien ġdid billi qiegħed kollox f’postu, hekk issa, bl-Għimmanu-El li jsaltan mit-tron ta’ David, id-deżert jieħu l-ħajja, il-ġuf bla battal jimtela bil-ħajja, it-taħwid tas-sistemi politiċi u reliġjużi istituzzjonali jintemmu għax jitrieġu minn dak li qiegħed fuq it-tron u li fl-Apokalissi jiddikjara: “Ara jiena se nġedded kollox!” Kulma hu meħtieġ hija dik id-dispożizzjoni li nħallu dan il-pjan iseħħ, anzi li dan il-pjan ngħamluh tagħna u nagħmlu li nistgħu biex iseħħ għax aħna wkoll fil-fond ta’ qalbna nixtiequ dinja b’inqas taħwid u baħħ, nixtiequ ħajja li hi tassew ħajja fil-milja tagħha kif wara kollox joħlomha Alla għalina.
Din l-aħbar it-tajba li Gabrijel iwassal lil Marija hi aħbar ta’ ferħ u tama fil-futur ta’ Alla. Irridu dan il-futur? Nixtiequ? Jekk iva, lest lil Alla nwieġbu bħal Marija: “Oh mhux li kien li dak li qed tħabbarli jseħħ mill-aktar fis!”?
Go Ahead, Leave A Comment