Is-Salmista llum idur lejn Alla “minn qiegħ l-art” filwaqt li jsejjaħ għall-ħniena tiegħu. Huwa jitlob mingħand Alla l-maħfra.
Il-ħniena hija waħda mill-aspetti l-iktar importanti li jissemmew fil-Kotba Mqaddsa. Biss biss, il-kelma weħidha tissemma’ xejn inqas minn 243 darba b’referenza għal kif Alla jirrelata mal-bnedmin. P.eż. naqraw li Alla jirrelata magħna kif missier iħenn għal uliedu (Salm 103:13; Ef 1:3-4), huwa jidħol għalina fil-bżonn tagħna (Is 49:13), il-ħniena ta’ Alla hija ġusta għax ma jibqax indifferenti għall-qaddejja tiegħu li quddiemu la hemm ħieles u lanqas skjav (Dewt. 32:36), il-ħniena ta’ Alla tfisser salvazzjoni (Ef 2:4-5), maħfra (Salm 51:1-2), u barka (Dewt. 13:17-18).
L-ewwel qari tal-lum, meħud mill-Profeta Eżekjel, ikompli fuq din il-ħniena ta’ Alla bħala t-triq tal-ġustizzja u l-ħajja. Quddiem kull wieħed u waħda minnha hemm għażla biex nimxu f’waħda minn żewġ triqat, jew it-triq tal-ħajja jew inkella t-triq tal-mewt. Din tal-aħħar – it-triq tal-mewt – tikkonsisti minn dawk il-mumenti meta l-bniedem iqarraq, juri inġustizzji, u b’hekk ipoġġi l-ħtiġijiet egoisti tiegħu fiċ-ċentru tal-enerġiji tiegħu. Filwaqt li tal-ewwel – it-triq tal-ħajja – hija magħmula minn ħafna mumenti li fihom “il-ħażin jerġa’ lura minn ħtijietu”, iħares il-Kelma ta’ Alla li tistedinna li nuru ġustizzja mal-oħrajn hekk kif Hu jagħmel magħna l-bnedmin. Jgħidilna Alla permezz tal-Profeta Eżekjel, “mhux aktar jogħġobni li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix?”
Fejn qegħdin iwasslu l-għażliet tiegħi? Qiegħed immut minn ġewwa għaliex l-egoiżmu tiegħi qiegħed jifridni bil-mod il-mod minn Alla? Jew qiegħed nersaq iktar lejn il-ħajja ta’ Alla, ħajja diżinteressata, ta’ mħabba vera u safja, u ta’ ftuħ totali lejn il-proxxmu tiegħi?
Go Ahead, Leave A Comment