Mil-lum il-Liturġija tal-Knisja tgħajjat lil Kristu b’ħerqa kbira biex ifittex jiġi. Il-Knisja tgħajjatlu permezz tas-7 Antifoni l-Kbar tal-Avvent li fihom Sidna Ġesù Kristu huwa msejjaħ
1. Sapientia – Għerf (17 ta’ Diċembru)
2. Adonaj – Sid (18 ta’ Diċembru)
3. Radix – Għerq (19 ta’ Diċembru)
4. Clavis – Muftieħ (20 ta’ Diċembru)
5. Oriens – Xemx (21 ta’ Diċembru)
6. Rex – Sultan (22 ta’ Diċembru)
7. Emmanuel – Għimmanu-el (23 ta’ Diċembru)
L-ewwel ittra ta’ dawn it-titli meħudin flimkien mill-aħħar għall-ewwel jagħtuna l-espressjoni Latina ERO CRAS li tfisser “Għada niġi” li hija t-tweġiba li Kristu jagħti mill-ġejjieni lill-Knisja tiegħu hija u tgħajjattlu fl-illum tal-ħajja.
Dawn il-jiem kbar tal-Avvent jiftħu din il-ħerqa għall-miġja ta’ Ġesù bl-Evanġelju ta’ San Mattew li jagħtina l-Arblu tar-Razza ta’ Ġesù li ma huwa xejn ħlief ir-rakkont tan-nies – qaddisin u midinba – li matul l-istorja tas-Salvazzjoni stennew bil-ħerqa l-miġja tal-Messija. Il-persunaġġi kollha msemmija fil-ġenealoġija ta’ Ġesù, kemm dawk magħrufa u kemm mistura, huma sinjali ta’ Alla li jaħdem bil-mod il-mod is-salvazzjoni tal-bniedem billi jidħol fil-ħajja tiegħu u fl-istrutturi u ċ-ċirkustanzi li fihom jgħix. Il-milja ta’ din l-irruzzjoni ta’ Alla hija l-Inkarnazzjoni tal-Iben fil-ġuf ta’ Marija Verġni li biha Mattew jagħlaq il-ġenealoġija ta’ Kristu li ġej mingħand Alla.
Inti qed tistennih lill-Kristu? Ġieli tħoss f’qalbek quddiem il-limiti u l-ħażen tiegħek u ta’ madwarek xewqa nostalġika għal dinja u ħajja aħjar: iktar ġusta, umana, tajba? Jekk inhu hekk, fik hemm moħbija din ix-xewqa għall-miġja ta’ Kristu li jġedded kollox. Ħu ħsiebha u għożża u aħdem għaliha. Jekk din f’qalbek intfiet għajjat lil Kristu: “O Għerf ta’ Alla, ħiereġ minn fomm l-Aktar Għoli, ejja u għallimni t-triq tal-għaqal”
One Comment to "Kristu l-Għerf ta’ Alla"
Nistennew lill Gesu bil herqa
Go Ahead, Leave A Comment