Ġesù llum jorbot il-ħniena man-nuqqas ta’ ġudizzju, nuqqas ta’ kundanna, ma’ kejl imburġat fil-ħżiem. Dan jagħmlu għax fil-ħatt il-ħniena tfittex li tqiegħed kollox f’postu u tara li jsir dak li għandu jsir u li jkun kif għandu jkun. Il-ħniena mhijiex meta jiena nitħassar lil xi ħadd li nidentifikah bħala miskin. Il-ħniena tfittex li lil dak li jkun tagħtih dak li hu gust. Għaldaqstant inkunu ħanina meta ma niġġudikawx u ma nikkundannawx, għax wieħed hu li jista’ jagħmel dan biex ngħidu hekk, dak Alla li jagħraf tassew il-qlub. Hu biss jista’ jgħaddi ġudizzju gust għax hu jaf kollox, jaf x’hemm moħbi fil-qalb. Il-Ħniena tiegħu hija Ġustizzja u l-Ġustizzja tiegħu hi Ħniena. Ma hemmx firda bejn it-tnejn, lanqas kontraddizzjoni. Huwa meta niġġudikaw aħna u nikkundannaw aħna, nkunu qegħdin niddeffsu fejn ma jesgħaniex u allura la nkunu ġusti u wisq inqas ħanina. “Int min int biex tiġġudika lil ħaddieħor? Min għamlek imħallef tiegħu?” (Ġak 4:11-12).
Go Ahead, Leave A Comment