Fl-istorja tar-reliġjonijiet, inkluża dik Nisranija, ħafna drabi il-prattika reliġjuża saret forma ta’ kif min hu prattikanti juri jew jaħseb, jew jikkonvinċi lilu nnifsu li hu aħjar minn oħrajn, dak li bl-Ingliż jissejjaħ “holier than though attitude”.
Ġeneralment dan iseħħ l-iktar meta l-fidi u r-Reliġjon, tkun liema tkun issir ħaġa waħda mal-kultura u mal-konvenzjonijiet soċjali, hekk li min ma jikkonformax ruħu ma’ dawn jiġi meqjus, ħażin u ta’ min jistmerru. Il-Vanġelu ta’ llum jurina bil-kontra. Huwa l-Pubblikan, li jintasab fl-aħħar, b’rasu baxxuta, u jittallab il-ħniena mingħand Alla, li quddiem Alla u ġġustifikat.
Il-Fariżew, bniedem osservanti għall-aħħar, kif jixhed għemilu, quddiem Alla ma niżilx ġustifikat lura mit-tempju. Ġesu’ bil-kelma u bl-eżempju tiegħu jgħallimna nfittxu lil Alla u narawh fil-persuni u fil-bnedmin li ma humiex konformi man-norma reliġjuża. Aħna, minkejja li ukoll fejn jidher irridu nagħmlu dak li sewwa u niddeċiedu skont il-kuxjenza tagħna ffurmata tajjeb, qatt ma nistgħu niġġudikaw il-kuxjenza ta’ dak li jkun għax dak Alla biss jaf xi jkun hemm fiha.
Nitolbu lil Alla biex id-deċiżjonijiet li nieħdu, it-tajjeb li nagħmlu, nagħmluh b’intenzjoni retta quddiem it-Tribunal ta’ Alla, b’irġulija magħna nfusna. Inkella t-tjubija tagħna tkun bħal dik li jitkellem dwarha Hosegħa l-Profeta, u li qisha nida li tevapora hekk kif jisbaħ.
Go Ahead, Leave A Comment