L-Ewwel Ħadd tar-Randan

QARI TAL-JUM

Ġen 2, 7-9; 3, 1-7
Salm 50 (51), 3-4.5-6a.12-13. 14 u 17
Rum 5, 12-19
Mt 4,1-11

OMELIJA

Il-Kelma ta’ Alla f’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan tqiegħed quddiemna għar-riflessjoni tagħna l-misteru tal-ubbidjenza u d-diżubbidjenza lejn Alla. Fl-Iskrittura, kemm fir-Rabta l-Qadima kif ukoll fil-Ġdida l-ubbidjenza lejn Alla mhijiex sempliċiment eżekuzzjoni ta’ ordni li jagħti Alla u li wieħed jista’ jfarfar minn spalltu r-responsabilità tagħha. Il-bniedem mhuwiex ilsir ta’ Alla iżda sħab miegħu u għalhekk mogħni b’raġuni u responsabilità morali. L-ubbidjenza fl-Iskrittura hija l-kapaċità u d-disponibilità tas-smiegħ ta’ Alla u r-rieda tiegħu dan huwa s-sies tal-ubbidejnza: “Isma’, o Israel: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu” (Dt 6:40).

Din hija ċ-ċavetta li biha nistgħu niftħu l-bieb tat-tifsira tal-Kelma ta’ Alla f’dan il-Ħadd. San Pawl fit-tieni qari fil-fatt jitkellem fuq id-diżubbidjenza ta’ Adam u l-ubbidjenza ta’ Kristu. Waħda ġabet is-saħta u l-mewt, l-oħra l-barka u l-ħajja, għax l-ubbidjenza (mil-Latin ob-audire) jiġifieri li “tagħti widen” u “tisma’ minn” Alla qegħdha hemm biex tiftħilna għajnejna mill-kilba li tħalli ħwejjeġ u ħtiġijiet jirkbuna. U meta l-ħwejjeġ u ħtiġijiet jirkbuna dawn isiru allat tagħna hekk li apparti li mmorru kontra l-kmandament li jikkwota Ġesù llum lix-Xitan: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi” inkunu qegħdin nitjassru u Alla ma ħalaqniex għall-jasar imma għall-ħelsien ta’ wlied.

Il-ġrajja ta’ Ġesù fid-deżert tqegħdilna quddiemna liema hi t-taqbida li ta’ bnedmin li aħna nsibu ruħna nitqabdu ta’ spiss. Din it-taqbida ġewwinija hija proprju r-reżistenza u l-attenzjoni biex il-ħtiġijiet tagħna ma jinbidlux f’kilba. Meta nirreferu għal xi ħadd miklub inkunu rridu nfissru li ma għandux saħħa jew kontroll fuq dak li jsuqu fil-ħajja. Persuna hekk taħrabha u toqgħodilha b’seba’ għajnejn għax taf li tagħmel ħsara l-ewwelnett lilha nnifisha u b’konsegwenza lill-oħrajn. Fil-ġrajja tat-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert insibu riferenza għat-tliet ħtiġijiet bażiċi tagħna: is-saħħa/qawwa, l-affett, il-kisba. Ġesù jiġi mġarrab f’dawn it-tliet ħtiġijiet bażiċi: “Jekk inti Bin Alla ordna li l-ġebel isir ħobż” f’kelma waħda “Jekk inti qawwi, b’saħħtek, ordna, amar li jsir kif trid int!”; “hemm miktub li l-anġli tiegħu jerfgħuk li ma tmurx taħbat ma xi ġebla riġlek” f’kelma waħda “ara jekk hux veru li inti maħbub minn Alla, aqbeż ħa ġġegħlu jħarsek”; “dan kollu nagħtik jekk tinxteħet tadurani”, f’kelma oħra “ara kemm tikseb xorti jekk tagħmel li ngħidlek”. Dak li jiġrilna meta l-ħtiġijiet bażiċi tagħna jsiru kilba li tirkibna u ssuqna, meta ngħażlu li nisimgħu minnha biss u mhux minn Alla.

Inħarsu ftit lejn ħajjitna u nindunaw li aktarx kull forma ta’ jasar u saram kollha minn hemm ġejjin, mhux biss fid-dinja ċkejkna tagħna imma fid-dinja kollha. Sfortunatament id-dinja b’dan ir-raġunament timxi u tibni lilha nnifisha u allura aħna bħala dixxipli ta’ Ġesù nsibu ruħna f’diffikultà għax mhux biss ikollna b’ħafna tgħakkis inrażżnu lilna nfusna biex ħtiġijietna ma jirkbuniex f’qalb klubija, iżda wkoll irridu nitqabdu mal-mentalità ta’ żmienna u l-kultura li qegħdin nitrawwmu fiha mibnijin fuq il-poter, iż-żina u l-ftaħir jew frugħa, u l-kisba. Santu Wistin josserva li l-waqgħa tal-Imperu Ruman kienet proprju l-konsegwenza tal-kilba fuq dawn it-tliet livelli: cupiditas dominationis, cupiditas amoris, cupiditas possidendi. Bir-rażna u billi nagħtu widen għall-Kelma ta’ Alla dawn it-tliet ħtiġijiet jiġu trasformati f’ qadi, imħabba milqugħa u mogħtija u, f’użu tajjeb tal-ġid tal-art.

Il-Kelma ta’ Alla llum tixprunana lilna dixxipli ta’ Ġesù biex nirribattu dinja mherrija bix-xjaten tal-kilba strutturata u organizzata billi nifhmu li dan kollu joħroġ mill-qalb, minn ġewwa. Meta nifhmu dan, nibdew nindunaw li s-soluzzjoni tinsab filli nħallu lil qalbna tiġi trasformata, mibdula mill-qiegħ, sabiex inqegħdu f’postha r-relazzjoni magħna nfusna, ma’ Alla, u mal-ħlejjaq.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook