Meta Thérèse ta’ Lisieux kienet qrib l-aħħar ta’ ħajjitha stqarret ma’ ħutha s-sorijiet, li f’għajnejhom hi kienet ixxurtjata għax se tidher quddiem Alla b’idejha mimlija bil-virtù, li s-sema tielgħa b’idejha vojta u mimlija fiduċja li se tirċievi kollox mingħand Alla. Fl-Evanġelju ta’ llum Ġesù jqegħdilna lill-pubblikan bħala mudell tal-ħajja tal-fidi. L-atteġġjament tiegħu, l-għarfien tiegħu innifsu bħala midneb li jersaq quddiem Alla b’rasu baxxuta u jdejh vojta u kollu ndiema iqegħduh f’pożizzjoni li jista’ jirċievi mingħand Alla l-ħniena, l-maħfra, il-kompassjoni u l-ġustifikazzjoni, jiġifieri l-qdusija. Il-Fariżew ma kellux bżonn ta’ Alla… idejh kienet ġa mimlija bl-opri li f’għajnejh kienu tajba u qaddisa imma li flok jagħtu glorja lil Alla kienu qed iservu biex hu jiddandan bihom u jimla’ rasu bihom.
Go Ahead, Leave A Comment