It-Tlieta 1 ta’ Diċembru 2015 Iż 11:1-10; S 71(72); Lq 10:21-24
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù, imqanqal mill-Ispirtu s-Santu, ifaħħar lill-Missier għax Hu wera lilu nnifsu liċ-ċkejknin minflok lill-għorrief u l-kbar tad-dinja. Il-ferħ t’Alla jinsab fiċ-ċkejknin, f’dawk li jsiru bħaż-żgħar. Ġesù jistedinna nagħrfu fihom it-triq li jagħżel il-Missier biex jirrivela lilu nnifsu. Il-psikoloġija moderna tħares lejn it-tfal iż-żgħar mhux minn lenti pożittiva; tara fihom immaturità għax iktar ikun jaħdem fihom l-interess personali milli dak altruwist. Il-fidi tagħna tistedinna niddixxernu f’dan l-istess fatt l-istess għeruq fejn tinsab il-ħajja ġdida, spjegata llum fil-qari tal-Profeta Iżaija. Bħal dawk l-aktar ċkejknin, Ġesù jurini li l-unika mod kif sejjer nara lil Alla – għax Hu juri lilu nnifsu lili – huwa billi nagħraf li “kollox kien mogħti lili minn Missieri.” Il-ħajja adulta tgħallimna li jekk irrid nilħaq xi mkien, jekk irrid nagħmel isem għalija nnifsi, jekk irrid li jkolli “l-għerf u d-dehen” tad-dinja, irrid naħdem u nistinka. Id-dixxiplu ta’ Ġesù, filwaqt li jagħraf jikkopera miegħU u jagħmel il-parti tiegħu, jaf fil-qalba tal-qalb tiegħu li kollox fil-ħajja huwa grazzja, sinjal, okkażjoni biex insir naf u nħobb lilU iżjed, biex nagħraf fiH is-sors ta’ dak kollu li jien u ta’ dak kollu li għandi. Il-ferħ veru, jgħid l-innu, ma jikkunsmax, jaħlaq qlub miftuħin u liberi biex jagħmmru fil-fjamma ħajja tal-verità u l-paċi.
Go Ahead, Leave A Comment