Tislijiet mill-Karmnu tal-Imdina. Fl-aħħar bulettin li bgħattnilkom għall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid semmejna li mit-2 ta’ April ta’ din is-sena sal-25 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla, il-Karmelitani madwar id-dinja qegħdin infakkru l-450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Fix-xhur li għaddew fil-Karmnu tal-Mdina fakkarna dan l-anniversarju b’ċelebrazzjonijiet liturġiċi, konferenzi u wkoll tqassim tal-ktejjeb mis-sensiela Nitolbu ma’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi mitbugħin mill-Provinċja Karmelitana Maltija u li fihom talbiet u kitbiet mill-qaddisa marbutin ukoll mal-Ġublew tal-Ħniena. Fix-xhur li għaddew kellna diversi pellegrini li fi triqthom għall-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral jieqfu jitolbu fil-Knisja tagħna u jużaw il-materjal imqassam ta’ din il-qaddisa, u hekk ifakkru wkoll l-anniversarju ta’ twelidha. F’dawn iż-żjajjar ukoll xi gruppi talbu li jżuru l-qabar ta’ P. Avertan Fenech u ċ-ċella tiegħu fil-Kunvent. Fost dawn il-gruppi kellna s-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursola u wkoll l-Istituti Sekulari. Iktar gruppi mistennija fix-xhur li ġejjin.
Fil-Karmnu baqgħu għaddejjin ukoll attivitajiet liturġiċi għal żmien l-Għid, fosthom l-Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu, miftuħin dis-sena mill-Arċisqof. Kellna wkoll xi rtiri ta’ ġurnata għar-reliġjużi Karmelitani u lajċi, l-adorazzjonijiet għall-festi tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej u l-Qalb ta’ Ġesù, laqgħat tat-Terz Ordni, kitbiet fil-Labtu u l-bqija.
Ma’ naqsux il-lezzjonijiet tal-Istitut Karmelitan u l-Fakultà tat-Teoloġija, li waslu fi tmiemhom ftit tal-ġimgħat ilu, korsijiet u seminars li għalihom kien hawn attendenza tajba kif ukoll il-laqgħat tal-gruppi tal-Lectio divina u t-Titus Brandsma Circle. Fuq dan il-livell ukoll kienet sena sabiħa li żgur tat ħafna frott.
Għal min jinteressah din is-sena wkoll se jiftah il-Masters fit-Teoloġija Spiritwali. Il-programm jinsab on-line. Fil-jiem li ġejjin joħroġ il-programm tas-sena tal-korsijiet u s-semianrs tal-Istitut Karmelitan.
Fuq nota iktar prattika għadna għaddejjin bix-xogħol ta’ manutenzjoni tas-sistema elettrika fil-Knisja li ġarrbet ħsarat konsiderevoli minħabba sajjetta li laqtitna madwar sena u nofs ilu. Ix-xogħol miexi bil-mod minħabba diversi fatturi fosthom il-finanzi. Niskużaw ruħna għal kull inkonvenjent fil-Knisja matul iż-żmien li fih isir ix-xogħol.
Lulju jinsab wara l-bieb u miegħu il-festa tal-Madonna tal-Karmnu li tiftaħ bin-novena fl-14 ta’ Lulju. Il-festa tiġi ċċelebrata fl-24 ta’ Lulju. Inħeġġukom tieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet. Fil-jiem li ġejjin ikollna l-programm finalizzat u mqiegħed on-line.
Nieħdu l-okkażjoni li nsellmulkom u nawgurawlkom staġun tas-Sajf seren bi ftit żmien ukoll għall-mistrieħ. Nittamaw li narawkom fix-xhur li ġejjin għall-attività jew oħra organizzati minna.
Go Ahead, Leave A Comment