Kull fidi u reliġjon meta trabbi l-għeruq toħloq madwarha “kult” u “kultura” u drawwiet fl-ilbies, fl-ikel, fl-imġieba. Dawn għall-bidu jkunu espressjonijiet ta’ fidi ġenwina. Biż-żmien, speċjalment meta l-fidi u r-reliġjon ma jibqgħux il-fus li fuqu ddur il-ħajja soċjali u allura l-bniedem ma jibqax jidentifika lilu nnifsu mal-identità li tagħtih dik il-fidi u dik ir-reliġjon partikolari, dan il-“kult” u “kultura” jibqgħu biss espressjonijiet ta’ barra, qoxra ta’ bajda vojta li lanqas tibqa’ kultura imma ssir folklor għax sadattant tibda tinbet kultura oħra, kult ieħor, fis-sens wiesgħa tal-kelma. Huwa dak li qed jiġrilna f’pajjiżna. Iċ-ċelebrazzjonijiet, il-btajjel tagħna, il-kċina tagħna, f’xi każi l-ilbies, is-simboli, il-manifestazzjonijiet għadhom isegwu il-“kult” u l-“kultura” u li minnhom ħarġu… imma li huma qoxra ta’ bajda vojta. Espressjonijiet folkloristiċi li ngħiduha kif inhi, aktarx mhux talli ma jressquniex interjorment lejn il-kult veru lejn Alla, anzi jtellfuna dak l-ispirtu reliġjuż u spiritwali li jgħaqqadna magħna nfusna, ma’ Alla u mal-oħrajn. Ġesù llum fl-Evanġelju jeħodha qatta bla ħabel kontra din il-qgħada u kontra t-tip ta’ persuni li jibqgħu iggranfati, imwaħħlin ma’ drawwiet li iktar huma espressjoni ta’ vanità u amor proprju milli espressjoni ta’ reliġjożità u fidi awtentika li tinbet fil-qalb u tingħax fis-skiet u l-moħbi tar-relazzjoni ma’ Alla.
Il-kelma ta’ Alla llum ukoll fl-ewwel qari minn Isaija tipponta lejn il-vera pietas: li ssewwi l-inġustizzji, u tieħu ħsieb l-iltim u l-armla, f’kelma waħda l-emarġinati tas-soċjetà. Il-bqija l-affarijiet l-oħra lil Alla dardruh, “huma dejjem quddiemi” jgħid f’Isaija. Kollox għandna nneħħu li kien għal Ġesù, li llum fl-Evanġelju jaqbadha mal-Fariżej, li ngħiduha kif inhi, hu aktarx kien wieħed minnhom: kategorija ta’ nies reliġjużi mmens, li kienu josservaw il-fidi u r-reliġjon sa fl-inqas irqaqat kulturali, inkluż l-ilbies u l-preċedenzi a minoribus u a maioribus (biex nużaw il-lingwaġġ Kattoliku tal-istess mutetti) b’tali mod li dawn saru min-naħa sinjal ta’ xi glorja reliġjuża (vojta u ma tiswa xejn) waqt li kienu wkoll piż għall-oħrajn a skapitu tal-essenzjal fil-ħajja tal-fidi, l-essenzjal li Ġesù tant jinsisti dwaru u li fuqu huwa kien jibni r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla u l-għixien tal-pietas reliġjuża tiegħu bħala bniedem. Ta’ spiss nimmaġina x’jgħid u kif jirreġixxi Ġesù kieku jkollu jqatta’ sena magħna, bl-enerġija li ninvestu fiċ-ċelebrazzjonijiet ma jaqtgħu xejn, fil-purċissjonijiet deħlin u oħrajn ħerġin, x’nilbsu u ma nilbsux għal-liturġija, etċ… Kemm qed ninvestu fil-kult interjuri tat-talb li jsostni r-relazzjoni ma’ Alla, filli nkunu bħala nsara forza sovversiva li ssewwi l-inġustizzji fis-soċjetà u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, inklużi dawk reliġjużi? U l-emarġinati ta’ żmienna… x’qed nagħmlu biex nintegrawhom fis-soċjetà tagħna, kemm qed nilqgħu lil Kristu fihom? Jekk l-investiment tagħna u fil-“kult kulturali” li ħareġ mill-fidi u r-reliġjon tagħna, imma mhux ninvestu daqstant enerġija fil-kult tassew li jrid Alla, kollox jiswielna suf, kif ngħidu bil-Malti u ma jservi xejn ħlief biex nqogħodu nilgħabu u nippuppaw żaqqana u sidirna bħas-sriedak f’gallinar, mimlijin bl-amor proprju u mhux bil-glorja ta’ Alla.
Go Ahead, Leave A Comment