Nagħman kien il-kmandant tal-eżerċtu tar-Re Aram tas-Sirja li fi żmien ir-Re Aħab ta’ Iżrael, kien iġġieled u rebaħ lis-Sirja kontra Iżrael. F’għajnejn kulħadd dan Nagħman kien “suldat qalbieni”, “kien kbir quddiem sidu” u r-Re “kien iġibu ħafna”. Iżda r-raġel kien lebbruż, li kienet marda terribli fil-ġilda li ma titfieqx. Kellha tkun tfajla żagħżugħa Iżraelita li, meħuda qaddejja fis-Sirja, ħeġġet lil Nagħman imur għand il-Profeta Eliżew f’Iżrael biex dan ifejjqu. Wara reżistenza qawwija, Nagħman imur u, wara iktar reżistenza, imur jitnaddaf għal seba’ darbiet fix-xmara Ġordan. U jitnaddaf mill-lebbra!
Jordan River
Hija preċiżament din l-att ta’ fidi li dwarha jitkellm Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. Kemm hu faċli naħsbu li hu iżjed importanti għalina li nkunu aċċettati mis-soċjetà u n-nies ta’ madwarna milli nimxu fit-triqat umli tal-Mulej?! Xi drabi nippreferu nżommu mal-inkonsistenzi tagħna milli nuru lilna nfusna “xejn” u “umli” quddiem Alla u d-dinja. U, bħal Nagħman, ikollha tkun il-“lebbra” tad-dnub tagħna li terġa titfagħna fit-triq tal-konverżjoni. Il-Profeta Eliżew kien jaf li dak li kellu bżonn Nagħman kienet ftit umiltà, allura jibgħatlu l-messaġġier tiegħu minflok ikellmu hu stess, kif ukoll jordnalu jinħasel fil-Ġordan minflok jinvoka l-qawwa tal-Mulej bħalma kien għamel Elija fuq il-Karmelu; żewġ ġesti sempliċi imma r-rabja ta’ Nagħman għal dan turi n-nuqqas ta’ umiltà tiegħu.
Iżda jekk Nagħman kellu tant qalbu iebsa, daqstant ieħor wera x-xewqa tiegħu għall-konverżjoni meta ddeċieda li jinża ftit il-kobor tiegħu u jagħmel dak li qallu l-Profeta. Jekk permezz tal-ħasil fil-Ġordan, ġismu sar safi “qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ”, hekk ukoll ruħu ssaffiet mill-ġibdiet tad-dinja. Fl-att tal-inżul fil-Ġordan, fl-istess xmara li sekli wara niżel fiha Ġesù stess, Nagħman isir issa ubbidjenti mhux għall-bżonnijiet insani tiegħu imma għal Alla l-Ħaj. Il-lebbra l-vera ta’ Nagħman kienet dik tal-unuri, li kienet qegħda tikollu ‘l ruħu mill-fidi vera f’Alla ta’ Iżrael li, kif wera Eliżew, aktar jaħdem fil-moħbi milli bil-qawwa u fid-deher.
X’għandi x’nitgħallem mingħand Nagħman? X’inhi l-lebbra li qegħda tħassarli r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla? Fejn f’ħajti hemm bżonn li nħalli lil Alla jgħallimni ftit umiltà billi ninża’ ftit minni nnifsi, u hekk noħloq spazju għalih biss?
Go Ahead, Leave A Comment