Għeżież ħbieb,
Illum bdejna għal darb’oħra l-mixja mill-ġdid tar-Randan, iż-żmien li fih aħna mistednin induru ftit dawra magħna nfusna u nevalwaw ftit fejn ninsabu fil-ħajja tagħna ta’ bnedmin ta’ fidi f’Alla bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Għar-Randan ta’ din is-sena il-Papa Franġisku, bħal dejjem, bagħat il-messaġġ tiegħu għar-Randan bit-tema “Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna”. It-tema hija ispirata mill-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Mattew (Mt 24:12) fil-kuntest tad-diskors fuq l-aħħar taż-żminijiet. Il-messaġġ tal-Papa dis-sena huwa qawwi ħafna u f’waqtu għaż-żmien li fih ninsabu. Aħna mħeġġin nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex tassew bierda fl-imħabba mħeġġa tal-fidi, jonkella għadniex miġburin mal-fuklar iħeġġeġ tal-Qalb ta’ Ġesù.
B’din l-ittre mill-Karmnu tal-Imdina, nixtiequ nħeġġukom, biex dan iż-żmien tar-Randan ngħixuh b’intensità u serjetà responsabbli waqt li nużaw l-istrumenti li tagħtina l-Knisja tas-sawm, talb u karità, maħsuba biex jgħinuna nidħlu waħda tajba fina nfusna u naraw lilna nfusna fil-verità quddiem Alla u l-bnedmin.
Illum Ras ir-Randan, fil-5.00pm ikollna l-Via Crucis fil-Knisja, u fil-5.30pm il-Quddiesa bit-tqegħid tal-irmied.
Matul ir-Randan ukoll fuq dan is-sit issibu riflessjoni għal kull jum tar-Randan biex tgħinna nimmeditaw il-Kelma ta’ Alla li tmantnina f’dan iż-żmien.
Matul dan ir-Randan ikompli l-programm tal-lectio divina u tat-Titus Brandsma Circle, fil-waqt li f’Marzu, mill-11 sat-28, se jkollna wirja ikonografika marbuta mat-tema tal-Passjoni, mis-Sur Vincent Mangani. Għal dan iż-żmien ukoll għandna diversi gruppi għal irtiri ta’ ġurnata u attivitajiet oħra li ninfurmawkom dwarhom iktar ’il quddiem.
Insellmulkom
Il-Karmelitani fl-Imdina.
Go Ahead, Leave A Comment