QARI TAL-JUM

Lev 19, 1-2.11-18
Salm 18 (19), 8.9.10.15
Mt 25, 31-46

OMELIJA

Kull sena l-Vatikan jippublika r-riżultati tal-istatistika dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja. L-istatistika CENSUR turi li bejn l-2005 u l-2016 mietu ’il fuq minn 900,000 Nisrani minħabba l-fidi tagħhom. Din iċ-ċifra tinkludi (u mhux biss) Insara maqtulin in odium fidei f’persekuzzjonijiet tribali fl-Afrika, mid-Daesh u gruppi oħra Iżlamiċi u wkoll dawk ittorturati u maqtula mir-Regim totalitarju f’diversi pajjiżi. L-istatistika ma tinkludix l-Insara ppersegwitati fiċ-Ċina, l-Indja u pajjiżi oħra fejn huwa diffiċli tkun taf eżatt x’qed jiġri fuq dan il-livell. Jekk naqsmu din iċ-ċifra fi snin naslu għal numru ta’ madwar 90,000 Nisrani fis-sena. Dan ifisser li kull sitt minuti hemm Nisani qed jinqtel xi mkien madwar id-dinja minħabba l-fidi tiegħu. Dan biex ma nżidux lil dawk li għadhom ħajjin imma tilfu djarhom, xogħolhom, il-familja u l-ħbieb, maqfulin il-ħabs, eżiljati u maħrubin bħala refuġjati. Fuq dan il-livell biss l-Insara huma l-iktar grupp reliġjuż ippersegwitat fid-dinja. Dan mingħajr ma nsemmu mbagħad il-persekuzzjoni iktar fina li nsibu fil-Punent, fejn bosta drabi, anke f’pajjiżna, meta l-Knisja fil-ministri tagħha jonkella anke Nisrani jew Nisranija juri fehmtu mdawwla mill-fidi, fuq kwestjonijiet attwali, dawn jiġu mwaqqgħin għar-ridikolu u “mbiċċrin” fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li llum huma l-arma tal-massa. Għalkemm mhux persekuzzjoni vjolenti imma hija wkoll forma ta’ persekuzzjoni.

Fl-Evanġelju ta’ llum meħud mill-kapitlu 25 ta’ San Mattew Ġesù jgħidilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni…Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Fl-Istorja tal-Knisja din is-silta evanġelika hija l-bażi tat-teoloġija, t-tagħlim u l-opra soċjali tal-Knisja. Fuqu tinbena l-pietas christiana fil-prattika tal-opri tal-ħniena u l-imħabba tal-proxxmu speċjalment dak batut. Din is-silta hija l-ispirazzjoni wara l-ħolqien tal-isptarijiet, tal-pastorali fil-ħabsijiet, tal-ġbir għall-karità li dejjem preżenti fil-Knisja minn żmien l-appostli, tal-ħolqien ta’ istituti għall-orfni, għal dawk ta’ bla dar u l-bqija. Dan huwa tajjeb u kollox sew. Tassew ta’ min ifaħħru għax bit-tajjeb u l-ħażin mill-Kristjaneżmu ħarġet kultura ta’ umaneżmu prattiku u soċjali li l-effett tiegħu jinħass sa llum fil-viżjoni soċjali tal-Punent. Iżda, mingħajr ma ninsew dan kollu, naħseb li wasal iż-żmien li nerġgħu nibdew nagħtu każ tat-tifsira oriġinali ta’ din is-silta Evanġelika.

San Mattew huwa l-Evanġelista tas-Saltna ta’ Alla. Parti kbira mill-Evanġelju miktub minnu huwa tagħlim dwar is-Saltna ta’ Alla li tinsab fostna fi Kristu u b’estensjoni fiż-żmien fil-ġisem tiegħu li huwa l-komunità ta’ dawk li jemmnu fih, fi kliem San Pawl, il-Ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja, magħmula minn ħafna membri wħud minnhom fraġli u delikati u allura ta’ min jieħu ħsiebhom aktar, bħalma fil-ġisem tagħna hemm membri li nipproteġuhom u nagħtu kashom iktar minn oħrajn minħabba n-natura tagħhom.

San Mattew hawnhekk qiegħed jitkellem fuq dawn il-membri tal-Ġisem ta’ Kristu li jbatu l-ġuħ, l-għatx, għerja, bla dar, morda, ħabsin mhux għax xortihom ħażina jew huma ħatja ta’ xi mġieba li jistħoqqilha l-ħabs, iżda sabu ruħhom f’dan l-istat minħabba l-fidi tagħhom! San Pawl innifsu jitkellem fuq dan l-istess livell dwaru nnifsu. Fil-Knisja dawn il-membri huma l-preżenza ta’ Ġesù Kristu Msallab u mmaltrattat. U allura l-bqija tal-membri huma fid-dmir li jieħdu ħsieb lil Ġesù Kristu fihom għax dak li nagħmlu lilhom qed nagħmluh lil Ġesù Kristu. Imqar jekk ma nistgħu nagħmlu xejn fil-prattika biex intejbu l-qagħda tagħhom (li mhux veru ma nistgħu nagħmlu xejn) imma almenu nibdew noħolqu kuxjenza, inkunu konxji, li waqt li jiena u inti komdi, bejn wieħed u ieħor, fl-għixien tal-fidi tagħna u ħielsa li nipprattikaw twemminna, kull sitt minuti hemm Nisrani li għax jemmen dak li nemmen jien, għax jiċċelebra dak li niċċelebra jien, għax jixtieq jgħix kif ngħix jien, qed jitlef ħajtu f’idejn l-argużin! Quddiem l-eżempju ta’ fedeltà radikali u qawwija ta’ dawn ħutna, jeħtiġilna nagħmlu eżami sewwa tal-kuxjenza għax jista’ jagħti l-każ li jiena u inti ħilesa li nipprattikaw il-fidi tagħna u nemmnu li rridu u li jogħġobna, imma minn ġewwa, f’qalbna aħna evanġelikament medjokri hekk li għadna biss fuq il-livell ta’ kulturalment Insara u kollox naraw tqil u żejjed fejn tidħol il-fidi, ibda’ mill-imġieba morali għal ftit ħin ta’ talb jew sehem fil-quddies u impenn għall-formazzjoni nisranija tagħna.

Eżamina lilek innifsek illum fuq dawn iż-żewġ mistoqsijiet:

  1. Lil Ġesù Kristu qiegħed nilqgħu, ninsab maġenbu f’ħuti li minħabba fih jinsabu f’qagħda prekarja? X’qed nagħmel għalih(om)?
  2. Jekk illum taqa’ fuqi x-xorti (ħażina jew tajba skont kif taraha) ta’ dawn ħutna li nagħżel bejn Ġesù Kristu u d-dar, bejn Ġesù Kristu u l-ikel u s-sostentament, bejn Ġesù Kristu u l-prestiġju, x-xogħol, il-ħabs, il-mewt… x’se nagħżel?

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook