Wasalna għall-Ġimgħa Mqaddsa, li fiha niċċelebraw l-aħħar Ġimgħa ta’ Ġesù fostna bħala bniedem. Bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa, bħalissa fil-kunvent għaddejja l-wirja ikonografika mtellgħa mis-Sur Vince Mangani, SDC. Il-Wirja li ġġib l-isem Il-Ktieb il-Kbir mogħnija hija wkoll b’siltiet mill-Ktieb il-Kbir ta’ San Ġorġ Preca, sabie xtgħin għall-meditazzjoni fuq il-Kurċifiss li hu l-Ktieb il-Kbir tagħna li fuqu nimmudellaw ħajjitna. Nhar il-21 ta’ Marzu wkoll, l-Erbgħa ta’ qabel id-Duluri, ninawguraw il-kwadru tal-Verġni Mqaddsa tal-Pietà tas-seklu 18 li għadu kemm ġie restawrat mill-kumpanija ReCoop. Is-Sibt 24 ta’ Marzu niftħu l-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa bl-Ewwel Għasar ta’ Ħadd il-Palm u l-Lectio Divina. Il-Programm ikompli biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Partikulari fil-Karmnu tal-Imdina ikollna dawn iċ-ċelebrazzjonijiet: Il-Via Crucis, il-Quddiesa u l-Adorazzjoni tas-Salib nhar l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa Nibdew fil-5.00pm. Fil-Ġimgħa l-Kbira wara ċ-ċelebrazzjoni tat-3.00pm niċċelebraw id-Depożizzjoni minn fuq is-Salib u d-Difna ta’ Ġesù Mejjet. Il-knisja tibqa’ miftuħa għal min jixtieq jinġabar fis-skiet jitlob quddiem is-Salib vojt u l-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Nhar Sibt il-Għid, f’12.00pm niċċelebraw il-Lamentazzjoni tal-Verġni Addolorata u t-tħejjija tal-Altar bil-fwejjaħ għall-Għid.
Fi żmien l-Għid niċċelebraw l-Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu li jibdew l-Erbgħa 4 ta’ April. Dakinhar niċċelebraw l-Ewwel Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu billi nieħdu sehem fil-Konsagrazjoni tal-Bażilika Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Għal min jixtieq jissieħeb magħna se norganizzaw trasport mill-Imdina għall-Belt u lura. Min jixtieq jissieħeb magħna għandu jinkiteb sat-Tnejn 2 ta’ April.
Waqt li nixtequlkom Għid Qaddis fil-Mulej, inħeġġukom tissieħbu magħna fil-liturġija ta’ dawn il-jiem.
Il-Komunità Karmelitana fl-Imdina
Go Ahead, Leave A Comment