ALLA MA JEGĦJA QATT U MA JINKEDDX

(Iż 40:25-31; S 103; Mt 11:28-30)

JinkeddxIl-Profeta Iżaija fil-qari tal-lum ikellimna dwar Alla li “ma jegħja qatt, u ma jinkeddx.” F’din it-tieni parti tal-ktieb tiegħu (kap. 40-55), l-għan tal-Profeta huwa li jnissel it-tama fil-qalb tal-Iżraelin li kienu meħudin fl-eżilju tal-Babilonja. Il-poplu kien qata’ qalbu minn Alla, ma baqax jemmen li “l-Mulej hu Alla ta’ dejjem,” għaliex kienu raw kif spiċċaw mill-ġdid skjavi tal-ħakkiema barranin, huma li Alla kien diġà mexxihom ‘il barra mill-iskjavitù tal-Eġittu. Għalxejn il-Profeta wissa’ lil dan l-istess poplu, fl-ewwel parti tal-ktieb tiegħu, biex jikkonvertu u jerġgħu lura lejn it-triq it-tajba, it-triq tal-fedeltà lejn il-Kelma ta’ Alla. Daqstant ieħor, issa li l-poplu reġa’ waqa’ taħt ħakma barranija, il-Profeta mhux talli ma jikkundannahx lill-poplu, talli jagħmel minn kollox biex inissel fih mill-ġdid it-tama.

Il-ħajja tagħna tista’ xi kultant tixbaħ lil dik tal-poplu ta’ Iżrael fl-eżilju. Kemm-il darba nsibu ruħna f’katina ta’ ċirkustanzi li fiha nħossu li tlifna l-kontroll tal-ħajja tagħna u li din setgħet ġiet minħabba deċiżjonijiet fatali li ġegħeluna nitbiegħdu mit-triq ta’ Alla? Għal dan, Alla mhux talli ma jikkundannax il-bniedem – għaliex “l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu” – talli “jagħti l-qawwa lill-għajjien u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.” Biżżejjed għalina li nittamaw fil-Mulej, li nieħdu dik id-deċiżjoni li sejrin nintefgħu b’qalbna sħiħa f’Alla, hu li jaf x’qiegħed jagħmel fil-ħajja tiegħi. Il-qawwa li nagħmlu dan tiġi mill-fatt li aħna lkoll imfittxija u msejħin b’isimna. Il-“qalb ħelwa u umli” ta’ Ġesù tagħmel possibbli li aħna nistrieħu fiha għaliex il-madmad ta’ Ġesù ħelu u t-toqol tiegħu ħafif.

Nistaqsi: minn liema eżilju Alla qiegħed jitlobni ninħeles minnu biex nitgħallem dejjem iżjed nistieħ fih?

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
Follow us on  Facebook