Il-Liturġija ta’ llum tirrakkuntalna l-ġrajja tat-tnissil u t-twelid ta’ Sansun, wieħed mill-Imħallfin li ħadem għall-ħelsien tal-poplu ta’ Alla mill-jasar u twasslilna wkoll il-ġrajja tat-tnissil ta’ Ġwanni l-Battista, li hu wkoll ħabbar il-ħelsien tal-poplu ta’ Alla bil-miġja tal-Messija.
L-ismijiet tal-persuni nvoluti f’dawn il-ġrajja huma Sansun, Elkana, Anna, Żakkarija, Eliżabetta u Ġwanni. L-ismijiet fihom infushom jagħtuna l-messaġġ tal-ġrajja ta’ llum. Sansun jfisser “il-qawwa ta’ Alla” għax hu “bin ix-xemx”; Elkana jfisser “Alla joħloq”; Anna jfisser “sibt grazzja quddiem Alla”; Żakkarija jfisser “Alla ftakar”, Eliżabetta jfisser “nistrieħ fuq Alla” u Ġwanni “Alla jħenn”.
Dawn kollha huma l-modi ta’ kif Alla juri lilu nnifsu lilna u kif aħna nistgħu nirrelataw miegħu. Huwa dak li fit-tiġrib tagħna jurina l-qawwa tiegħu billi jiftakar fina, jħenn għalina, jagħtina l-ħajja mill-ġdid, waqt li aħna nsibu grazzja quddiemu u nistrieħu fuqu għax hu biss dak li jagħtina l-kenn. L-antifona tal-llum issejjaħ lil Kristu Għerq ta’ Ġesse u mhux ta’ xejn għax minnu tinbet is-salvazzjoni tagħna. Inniżżlu l-għeruq tagħna fih f’dak kollu li ngħixu matul il-jum u ngħaddu ħajjitna bit-tama tad-dehra tiegħu.
Go Ahead, Leave A Comment