Il-liturġija ta’ llum iddur madwar tema waħda: Alla Missier li jagħtina dak kollu li hu meħtieġ biex aħna nduru lejh u nibqgħu f’daru… li hi darna! Waqt li lbieraħ irriflettejna fuq Alla li hu missier li jħobb, bil-ġrajja ta’ Ġakobb, Ġużeppi u ħutu, inkomplu fuq l-istess tema bil-parabbola ta’ Ġesù magħrufa bħala l-Iben il-ħali. Hemm min jippreferi jsejħilha bħala l-parabbola tal-Missier il-ħali… fl-imħabba u l-ħniena. Din il-parabbola li forsi ftit jew xejn baqgħet tagħmel effett fina kull darba li nisimgħuha, għax drajniha u ffurmat ukoll l-immaġni Nisranija tagħna ta’ Alla li hu kollu ħniena u mogħdrija, hija fil-fatt parabola rivoluzzjonarja. Ġesù b’din il-parabbola bidel għal kollox l-immaġni li n-nies ta’ żmienhom kellhom ta’ Alla.
Rembrandt’s “Return of the Prodigal Son.”
Hawnhekk għandna Missier li joqgħod b’sabar kbir kollu ħniena u mogħdrija għal uliedu biex bil-mod il-mod jiġbidhom lejn daru… lejn qalbu! Skont il-liġi tad-Dewteronomju, iben li jażżarda jġib ruħu bħall-iben iż-żgħir, kien ħaqqu li missieru jkaxkru fil-pjazza quddiem ix-xjuħ u jkun l-ewwel wieħed li jħaġġru għax naqas mir-rispett b’offiża kbira lejn il-persuna tal-missier: li titlob wirtek qabel missierek jagħlaq għajnejh ifisser impliċitament li tixtieq li missierek imut ħalli tieħu dak li hu tiegħu. Ma’ din Ġesù jżid offiża oħra: li l-iben jitlaq mid-dar, isorr kollox – jieħu kollox miegħu – u jmur f’pajjiż imbiegħed iberbaq ġid missieru. Fid-dinja semitika u biblika, il-ġid qatt mhu tiegħek, imma hu tal-familja u jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra u inti kellek id-dmir li tieħu ħsiebu u tkattru. ’Il barra mill-familja jew tribù ma’ kenitx possibli l-ħajja għalhekk il-wirt li jinkludi l-art, kien fundamentali għall-għixien tar-razza. Il-missier tal-parabbola, flok iwaqqaf lil ibnu milli jġib ruħu b’dan il-mod, iħallih fil-libertà li jagħżel jibqax miegħu jew le, u meta jerġà lura, mhux talli jdaħħlu ġewwa, talli jmur jilqgħu u jgħarfu b’ibnu. Hawnhekk Ġesù jurina dak li hu tassew il-Missier Alla tagħna. Mela mhuwiex Alla li jfittex l-aktar id-dritt u l-unur tiegħu bil-biżgħa imma jrid li magħna wliedu tinbet relazzjoni mibnija fuq l-imħabba li tisboq it-tfittxija tad-drittijiet u d-dmirijiet. Alla jħobbna għalina, mhux għalih! Għalih aħna fiċ-ċentru ta’ kollox.
Hawnhekk għandna wkoll żewġ ulied. Wieħed dejjem ma’ djul missieru, l-iben il-kbir, u l-ieħor, iż-żgħir, li telaq mid-dar. Dawn iż-żewġ ulied mhumiex wieħed tajjeb u wieħed ħażin. Huma t-tnejn l-istess: daqstant qrib u daqstant bogħod minn missierhom. Iż-żgħir fiżikament ’il bogħod minn missieru u f’qalbu u fi ħsiebu jnawwar it-tingiż tal-kuxjenza: “missier dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek, ma jistħoqqlix li nissejjaħ ibnek. Ħudni b’wieħed mill-qaddejja tiegħek”. L-ieħor, il-kbir, fiżikament qrib ta’ missieru, u jidher li f’qalbu u f’moħħu jnawwar ħsibijiet ta’ għira u riżentiment għax missieru qatt ma qatillu gidi, flok l-hena tiegħu għax hu jinsab ma’ missieru dejjem u allura dak li hu ta’ missieru huwa tiegħu. It-tnejn bogħod mill-missier wieħed fiżikament u l-ieħor fil-qalb. It-tnejn qegħdu l-ġid tad-dar mill-istess ħajja tal-missier, wieħed kellu l-wiċċ jitlobhulu, l-ieħor baqa’ jaħdem u jistinka għal dan il-ġid bil-qrusa fil-qalb. Differenza waħda hemm: li ż-żgħir ‘il bogħod induna x’kien qed jitlef. Induna li żbalja. Induna li fl-aħħar mill-aħħar fil-qiegħ ta’ qalbu u ħsiebu kien hemm missieru! Tant ’il bogħod imma daqstant qrib!
Tgħid ma’ Alla kif jien?
Daqshekk bogħod u daqstant qrib? jew
Daqshekk qrib u daqstant ’il bogħod?!
Go Ahead, Leave A Comment