QARI TAL-JUM

Iż 58:9-14
Salm 85 (86): 1-6
Eżek 33:11
Lq 5:27-32

OMELIJA

“Ġesù lemaħ” jgħidilna San Luqa fl-Evanġelju ta’ llum. Il-verb li użat fl-oriġinal Grieg huwa θεάομαι (theáomai), fil-forma li tindika azzjoni imtawwla mhux tal-mument. Għaldaqstant din il-lemħa ta’ Ġesù hija waħda ta’ attenzjoni. Levi bilqegħda fuq il-mejda tat-taxxi ġibed l-attenzjoni ta’ Ġesù, ġibed il-ħarsa ta’ Ġesù fuqu. Fl-Iskrittura dan il-verb jintuża biex jindika ħarsa attenta profonda. Hija ħarsa li timplika attenzjoni, ammirazzjoni, ħarsa li tlaqqa’ persuna ma’ oħra. Tagħti sens ukoll ta’ ġibda li tissarraf fi żjara dak jew dik li hija l-oġġett ta’ din il-ħarsa.

Hija din il-lemħa jew ħarsa li twaqqaf u tqajjem lill-persuna li tinduna li hija l-oġġett ta’ din il-ħarsa attenta ta’ xi ħadd. Ħarsa li għandha l-qawwa li tqajjem fil-persuna reazzjoni għax tħoss li ġiet mogħtija attenzjoni, li hija denja ta’ min iħares lejha jew jagħti kasha. Ħarsa bħal din timlik u taffermak, jonkella tista’ wkoll iċċanfrek. Hija ħarsa mela li ma tħallikx fejn int iddaħħlek mill-ewwel f’relazzjoni li inti trid twieġeb għaliha, tagħmel xi ħaġa dwarha.

Din hija l-ħarsa ta’ Ġesù fuq Levi. Din hija l-ħarsa ta’ Ġesù fuqna. Ħarsa li tinfidna u ċċaqlaqna minn fejn aħna għax nindunaw l-ewwelnett li għal Alla aħna denji tal-attenzjoni., aħna għal Alla ta’ min jagħti kasna. Min jaf Levi kemm kien jaqla ħars ta’ stmerrija għax Pubblikan, u min jaf kemm dak il-ħars kompla għaddsu fil-ħama li fih kien. Kellha tkun il-ħarsa ta’ Ġesù li tinfdu, terfgħu, tqawwih ħalli jqum fuq saqajh u jdaħħal lil Ġesù għandu (l-ewwel f’qalbu u konsegwenza ta’ hekk imbagħad f’daru) ħalli joqgħod fuq il-mejda miegħu. Din il-ħarsa qalgħet lil Levi mill-mejda tat-taxxi u qegħditu fuq il-mejda ta’ Ġesù b’isem ġdid, Mattew. Miegħu fuq din il-mejda mhux biss qagħad hu, iżda wkoll “il-pubblikani u ħafna nies oħrajn” jgħidilna l-Evanġelju, għax il-ħarsa ta’ Ġesù fuqna tiftħilna għajnejna u twessgħalna l-ħarsa tagħna għal dawk ta’ madwarna, “il-morda” li jeħtieġu fuqhom il-ħarsa li tfejjaq tat-tabib.

F’dan is-sens l-ewwel qari minn Iżaija jkompli ma’ dak ta’ lbieraħ li fih il-poplu jilmenta ma’ Alla li hu ma jħarisx, ma jintebaħx bihom u allura mhumiex denji tal-ħarsa tiegħu, minkejja li huma josservaw l-obbligi reliġjużi. U Alla jinterpella l-poplu tiegħu biex jgħix fis-sinċertità, biex ineħħi l-maskla tar-reliġjożità ritwali vojta, tal-qoxra ta’ barra, u jħalli tassew il-ħarsa ta’ Alla tippenetrah ħalli tibdillu qalbu u twessgħalu l-ħarsa tiegħu lejn dawk li huma fil-ħtieġa: il-foqra, l-emarġinati, il-vittmi ta’ soċjetà mibnija fuq strutturi ta’ inġustizzja u abbuż.

Levi kien denju tal-ħarsa ta’ Ġesù għax ma nħebiex wara maskli. Kien dak li kien. Kien vulnerabbli b’kuntrast mal-Fariżej li kellhom il-maskla tar-reliġjożità tgħattihom, tipproteġihom u fl-istess ħin timblokka l-ħarsa ta’ Ġesù fuqhom.

U jiena? Kif nirreaġixxi għal din il-ħarsa ta’ Ġesù fuqi?

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook