Iżaija llum jistqarr li Ġerusalemm, il-Belt ta’ Alla hi qawwija. Hi l-Belt ta’ Alla Mhux tal-bnedmin. Isimha donnu jixhed għal dan għax din il-Belt ma nħolqitx u ma ssemmietx mill-Poplu ta’ Alla. Imma l-poplu biex ngħidu hekk ħa l-fiżjonomija tiegħu minnha. Isimha nsibuh l-ewwel darba fil-Ġenesi, hemm fejn jiltaqgħu Abraham u Melkisedek, is-Sultan/Qassis ta’ Salem. L-isem li għeruqu fil-kelma Urusalimum “Is-Sisien ta’ Shalem” biż–żmiem sar Ierusalem li ifisser “Is-Sliem Qaddis” jew “Il-Qassis ta’ Salem”. Donnu Ierusalem u Melkisedek huma ħaġa waħda.
Shalem tfisser xi ħaġa “sħiħa” mhix miksura u tirreferi wkoll għall-ġebla tal-altar, li tkun sħiħa. Tintuża wkoll għat-tempju fejn tingħata qima “sħiħa” lil Alla. Mela Ġerusalemm għalhekk hija l-Belt ta’ Alla għax is-sisien tagħha huma fih u mhux fil-bnedmin. Shalem, is-sliem, ma tfissirx biss in-nuqqas ta’ kunflitti imma l-milja li lejha resqin. Għalhekk Ġerusalemm hija l-Belt li lejha jimxu l-Ġnus kollha għax hi l-Belt ta’ Alla: mibnija fuqu u tiġbor fiha l-mixja tal-Ġnus lejh.
Iżaija llum mela qiegħed ifakkarna li l-milja ta’ ħajjitna u tal-istrutturi li fihom aħna ngħixu tinsab biss f’Alla u mhux fuq il-ħila tagħna għax aħna minnu ħerġin u lejh mexjin. Kristu Ġesu’, li San Pawl isejjaħlu, is-Sliem tagħna, huwa biex ngħidu hekk din Ġerusalemm il-Ġdida. Fl-Evanġelju llum fil-fatt iħeġġiġna biex nibnu fuqu biex inkunu bħal dak li bena fuq il-blat sħiħ u hekk binjietu ma tiġġarrafx. Min ma jibnix fuq Kristu jibni fuq blat imfarrak (ramel) u għalhekk jiġġarraf.
Jiena fuqhiex qed nibni ħajti? Is-Sliem tiegħi fejn infittxu? Għalija xi jfisser li sib il-milja ta’ ħajti?
Go Ahead, Leave A Comment