Tislijiet mill-Komunità tal-Karmnu fl-Imdina.
Mill-aħħar ittre li bgħatnielkom għall-Ġimgħa Mqaddsa u Żmien l-Għid, ġraw diversi affraijiet sbieħ fil-Karmnu. Ċelebrazzjoni mportanti kienet dik tal-Kapitlu Provinċjali li ġab miegħu xi tibdiliet. Fil-Karmnu tal-Mdina komplejna bl-attivitajiet tagħna li kienu jinkludu ċelebrazzjonijiet liturġiċi intensivi, fosthom Is-Seba’ Ferħat ta’ Marija magħrufa bħala l-Erbgħat tal-Madonna tal-Karmnu u l-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin. Attivitajet oħra jinkludu l-irtiri tax-xahar għall-Patrijiet u lajċi Karmelitani, il-Ġimgħa ewkaristika bl-Adorazzjoni mill-festa ta’ Corpus sa’ dik tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-Karmelitani Sekulari wkoll laqgħu tminn membri ġodda u kellna wkoll diversi kitbiet fil-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Kella mbagħad diversi korsijiet, taħdidiet, u seminarji kif ukoll il-laqgħat tal-gruppi tal-Lectio divina u dik tat-Titus Brandsma Circle. Matul ix-xhur li għaddew kellna diversi “pellegrinaġġi” u ċelebrazzjonijiet Marjani minn tfal tal-iskejjel, gruppi ta’ alumni, kif ukoll persuni li speċjalment nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt jiġu bħala “pellegrini” jinviżtaw il-Madonna tal-Karmnu. Jalla din id-drawwa sabiħa min-nies tal-inħawi u l-madwar tkompli tikber, speċjalment fis-sehem għar-Rużarju Karmelitan u l-quddies tal-Erbgħat kull ġimgħa fil-5.00pm. Kellna wkoll ħsad tajjeb tal-Għasel mix-xehed tal-Kunvent u fil-Knisja bħalissa għaddej ix-xogħol fuq is-sistema tad-dawl li kienet inħarqet fix-Xitwa b’sajjetta. Nittamaw li x-xogħol ma jdumx ma jitlesta minkejja li miexi bil-mod minħabba li l-ispiża hija waħda konsiderevoli. Niskużaw ruħna għal kull inkonvenjent fil-Knisja kemm bit-trab li jinqala’ kif ukoll bil-partijiet magħluqa.
Mal-mogħdija tal-jiem qegħdin nersqu bil-qajla l-qalja lejn ix-xahar għażiż ta’ Lulju li fih niċċelebraw it-Tifkira Solenni tal-Madnna tal-Karmnu, festa Patronali tal-Ordni Karmelitan. Il-festa niċċelebrawha mal-Familja Karmelitana kollha fis-Santwarju l-Belt Valletta nhar is-16 ta’ Lulju. Fl-Imdina l-festa niċċelebrawha nhar id-19 ta’ Lulju u nibdew in-Novena nhar id-9 ta’ Lulju. Minn qalbna nistednukom tieħdu sehem. Fuq is-sit elettroniku għandkom issibu mehmuż il-programm. Din is-sena nhar it-18 ta’ Lulju, lejlet il-Festa fl-Imdina se niċċelebraw flimkien l-Akathistos f’ġieħ il-Verġni Marija.
Nhar il-25 ta’ Ġunju wkoll fin-12.30pm se jkollna kunċert imtella’ min-Northwest Girl Choir b’risq ir-restawr tal-Orgni li jmur lura għas-seklu 17.
Waqt li nixtequlkom staġun sabiħ fis-Sajf, forsi b’xi ftit jiem ta’ mistrieħ, nittamaw li narawkom għall-attivitajiet li norganizzaw.
Il-Karmelitani fl-Imdina.
Go Ahead, Leave A Comment