Nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija wara l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, bi tradizzjoni ġejja mid-devozzjoni popolari, jiġi ċċelebrat ir-rit tad-Depożizzjoni tal-Ġisem ta’ Ġesù Mejjet minn fuq is-Salib. Dan ir-Rit li l-oriġini tiegħu insibuha fil-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu huwa komuni kemm għall-Insara Latini kif ukoll għal dawk tal-Lvant. Fil-Knejjes tal-Lvant ir-Rit xtered minn Antijokja waqt li fil-Punent xtered fiż-Żminijiet tan-Nofs fil-Knisja Latina mir-Rit tas-Santu Sepulkru, minn dak Gallikan u minn dak Anglo-Sassonu fejn kien hemm id-drawwa tad-Difna fis-Sepulkru wara l-Adorazzjoni tas-Salib. Huwa għalhekk li nsibu din l-użanza għand il-Franġiskani, d-Dumnikani u l-Karmelitani. Is-Sepulkru, mid-difna sal-Għid il-Kbir, kien jiġi mgħasses minn żewġ irħieb ikantaw il-Lamentazzjonijiet tal-Passjoni. L-ewwel riferenza fil-Punent għal dan ir-Rit partikulari u suġġestiv insibuha fl-istatuti tal-Fratellanza ta’ San Stiefnu f’Assisi fl-1372.

Waqt li dan ir-Rit għadu jiġi ċċelebrat mill-Insara tal-Lvant f’dak li jissejjaħ l-Għasar tal-Apokathelosis (litteralment it-tneħħija tal-imsiemer) u miegħu imbagħad issir id-difna fil-liżar kefen imsejjaħ epitaphios jew plaščanica. Fil-Punent dan ir-Rit prattikament inqata, għajr għal xi knejjes u nħawi, speċjalment fis-Sardinja, fejn dan ir-rit, li jissejjaħ bid-djalett Su Scravamentu, jew El Desclavament (f’Cagliari), jiftaħ il-purċissjoni bix-xbieha ta’ Marija Addolorata u x-xbieha ta’ Ġesù Mejjet nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija. Naturalment ir-Rit għadu jiġi ċċelebrat fil-Bażilika tas-Santu Sepulkru mill-Franġiskani u miegħu jissieħeb ir-rit tad-difna fil-Qabar ta’ Kristu u wkoll id-dilka, bil-fwejjaħ u ż-żjut, tal-blata li timmarka l-post li fih keffnu l-Ġisem ta’ Ġesù għad-dfin.

F’pajjiżna dan ir-rit jiġi ċċelebrat fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta nhar l-Erbgħa tal-Ġimgħa l-Kbira u nhar il-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika Dumnikana ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu fil-Belt Valletta u fil-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Birgu. Ir-rit ukoll niċċelebrawh fil-Ġimgħa l-Kbira fil-Karmnu tal-Imdina b’karatteristiċi partikulari, fosthom it-trażlazzjoni tal-Ġisem mejjet ta’ Ġesù lejn is-Sepulkru, u d-dilka bil-fwejjaħ taż-żjut tal-lavanda, s-sabbara, u l-mirra, mberkin fil-quddiesa tal-Epifanija fi żmien il-Milied u t-tiżjin tal-kefen bil-fjuri. Dawn iż-żjut partikulari għandhom proprjetajiet terapewtiċi l-aktar fejn jidħlu l-fejqan tal-feriti, infezzjonijiet li jnixxu u mard tal-ġilda u fil-qedem kienu jintużaw għat-tħejjija tal-ġisem qabel id-dfin.

Ir-rit jispira ruħu minn dak li jgħidilna l-Evanġelju skont San Ġwann fil-kapitlu 19: 38-42

“Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex ta’ l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.”

Fil-Karmnu tal-Imdina l-Ġisem mejjet ta’ Ġesù jibqa’ espost fil-Knisja matul il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija u Sibt il-Għid, fejn f’12.00pm tiġi ċċelebrata l-Kompassjoni u l-Lamentazzjoni tal-Verġni Marija fuq il-Ġisem Mejjet ta’ Binha Ġesù Sidna. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Kompassjoni tagħlaq bid-dilka tal-Altar bil-fwejjaħ bi tħejjija għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa tal-Vġili tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.

Id-Depożizzjoni ta’ Ġesù mis-Salib issir wara ċ-ċelebrazzjoni liturġika u fiha għall-istedina taċ-ċelebrant jitilgħu żewġt’irġiel u ritwalment jaqilgħu l-imsiemer u jneżżgħu il-Kurċifiss mill-kuruna tax-xewk u l-imsiemer waqt li juruhom lill-ġemgħa għall-qima waqt li jsir talb u kant tal-Lamentazzjonijiet. Hekk kif jitniżżel, il-Ġisem mejjet ta’ Ġesù jitqiegħed fuq mitraħ mħejji apposta u ssir il-proċessjoni lejn is-Sepulkru b’waqfa quddiem il-kappella tal-Addolorata. In-nisa jħejju l-Ġisem ta’ Ġesù bil-fwejjaħ u l-fjuri hekk kif jitqigħed fis-Sepulkru.

Għal dan ir-Rit partikulari jintuża Kurċifiss apposta, ta’ Wistin Camilleri (1885-1979) li jċaqlaq idejh ’il fuq u l-isfel, u wkoll liżar li bih jitniżżel minn fuq is-Salib u jiġi mkeffen bih.

Riti bħal dawn suġġestivi magħmulin fi spirtu ta’ talb u ġabra jgħinuna nidħlu fil-misteru ta’ Kristu Sidna u nilqgħuh mhux biss b’moħħna, imma wkoll bis-sensi, bil-qalb, bl-affett u l-emozzjonijiet tagħna.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook