F’dan iż-żmien nisimgħu ħafna dwar it-tama ta’ stennija għal miġja ta’ Kristu il-Messija li jqiegħed kollox f’postu. Il-Profeta Sofonija llum jagħtina kriterju li bih nindunaw li fostna hawn il-preżenza tal-Messija taħdem is-salvazzjoni tagħna. Sofonija huwa l-Profeta li qatta bla ħabel jeħodha kontra l-poplu u l-mexxejja tiegħu li tbegħdu minn Alla. Huwa jikkundanna l-ħażen ta’ poplu u mexxejja korrotti, idolatry, inġusti fil-ħajja soċjali, qarrieqa.
Il-profeziji ta’ Sofonija jibdew proprju bi kliem iebes ta’ Alla nkurlat li jidher li qabżitlu bl-ikrah hekk li hu deċiż “li jiknes lil kulħadd mill-art” għax il-poplu ma baqgħalux ġustizzja, il-mexxejja korrotti bħal ilpup ħattafa u l-qassisin ipprofanaw il-qdusija tas-Santwarju bil-ħaċen tagħhom…Ngħiduha kif inhi: mhux li ninsabu f’qagħda aħjar! u barra minn hekk il-korla ta’ Alla ma tantx baqgħet timpressjonana!
Il-korla ta’ Alla hi qaddisa u formattiva, issaffi u ġġedded. Alla jwiegħed li se jħalli poplu mċekken u umli, ’il bogħod minn kull kburija. Alla hekk jaħdem! Spiss nisimgħu l-ilment nostalġiku li l-knejjes vojta, il-prattika reliġjuża qed tonqos. Jista’ jkun li dan huwa sinjal ta’ Alla li qed jaħdem u jsaffi l-poplu tiegħu? Hu sinjal żgur tal-infedeltà ta’ poplu li tbiegħed minn Alla, imma huwa wkoll indikazzjoni ta’ Alla li jiżborna minn dak li mhux essenzjali. Aħna u nħarsu lejn il-maxtura fqajra ta’ Betlem, ejjew aħna wkoll inħejju l-qalb miksura, sogħbiena u umli tagħna biex tilqa’ fiha lis-Salvatur u nħallu lilu jimla’ l-vojt tagħha.
Go Ahead, Leave A Comment